Il-Gżira

Knejjes

Print this page

Il-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu (Kattolika Rumana)

Gzira Parish Church

Il-Knisja Parrokjali tal-Gżira

Kien il-lejl ta’ l-10 ta’ Lulju 1902, f’waħda mit-triqat tal-Gżira fil-kantuniera ta’ Triq Manoel, kien hemm ħanut tax-xorb u fuq il-ħanut kien hemm tieqa u qrib tagħha kien hemm imdendel kwadru tal-Madonna tal-Karmnu magħluq f’kaxxa tal-ħġieġ. Tliet suldati Ingliżi William Walls, Charles Thurbull u John Packhun riedu jidħlu jixorbu u billi l-ħanut kien magħluq billi kien sar il-ħin, sid il-ħanut ma fetħilhomx. Dawn bdew iwaddbu l-ġebel fuq il-ħanut u waħda minn dawn il-ġebel ġiet fuq il-kwadru tal-Madonna.

Bid-daqqa tal-ġebla, l-kwadru tfarrak u x-xbiha tal-Madonna iċċartet. Għalkemm dak inhar kien nefaħ riħ qawwi, l-ġebla għad li kienet ta’ toqol baqgħet imqabbda bejn żewġ farkiet tal-ħġieġa, waħda biswit l-oħra.

Wieħed mill-qassisin ta’ Stella Maris, Dun Anton Manche’ bil-permess tal-Isqof Pietru Pace, tela’ qalagħha u ta f’idejn il-Kappillan ta’ Stella Maris Dun Franġisk Vincenzu Manche’, ħu l-istess Dun Anton.

Wara l-kwadru ġie meħud fil-Paroċċa ta’ Stella Maris permess ta' purċissjoni fejn saru tlett ijiem ta’ priedki u talb ieħor bħala riparazzjoni lill-Madonna. Minn dik inhar in-nies bdew isejħulha ‘Il-Madonna tal-Ġebla’.

Holy Image

Il-kwadru reġa’ ġie meħud lura fil-Gżira u tpoġġa f’remissa, li għadha teżisti sal-lum, fi Triq Manoel de Vilhena kantuniera ma’ Triq Cameron u bdiet isir il-quddies fiha kuljum.

L-imsemmi Dun Anton Manche’ ħaseb biex bena kappella żgħira li ġiet dedikata lill-Madonna tal-Ħniena (illum dan il-kwadru tal-Madonna tal-Ħniena insibuh fis-Sagristija tal-Paroċċa).

Billi n-nies kellhom ħafna bogħod għal Stella Maris, inħass il-bżonn li din il-kappella issir Viċi Parroċċa u l-Isqof Pietru Pace bl-approvazzjoni tal-Kappillan Dun Franġisk Vincenzu Manche’ b’digriet tas-7 ta’ Lulju 1913, għamilha Viċi Parroċċa bis-setgħa li tamministra s-Sagramenti kollha minbarra ż-żwieġ u bħala Vigarju Kurat ġie maħtur l-istess Dun Anton Manche’.

Il-Kwadru Madonna tal-Ġebla

Maż-żmien il-popolazzjoni tal-Gżira bdiet tikber u billi kienet ix-xewqa tagħhom li jkollhom Parroċċa għalihom, għamlu domanda lill-Isqof Dom Mauru Caruana biex jagħmilha Parroċċa. Fil-15 ta’ Mejju 1921 nhar l-Għid il-Ħamsin, l-Isqof Dom Mauru Caruana ddikjara din il-Kappella bħala vera Parroċċa ndipendenti u bidlilha t-titlu f’dak tal-Madonna tal-Karmnu. L-ewwel Kappillan kien l-imsemmi Dun Anton Manche’.


Billi l-popolazzjoni bdiet kull ma tmur tikber, inħass il-bżonn biex tinbena Knisja akbar. L-imgħallem Antonio Sammut avviċina lill-Kappillan u offra li jkun hu l-Imgħallem li jmexxi l-bini għalhekk, għamel pjanta li ġiet approvata mill-Awtorita' Ekkleżjastika u mill-Perit Francesco Caruana. Ix-xogħol ta’ dawn it-tnejn minn nies kien kollu volontarju u bħala radd ta’ ħajr, ir-ritratt ta’ Antonio Sammut tqiegħed fis-Sagristija. Il-bini nbeda fl-1921 u l-Knisja kienet lesta f’Diċembru fl-1935. Il-Knisja hi ta’ stil Doriku u hi magħmula minn kor, żewġ kappelli, korsija u sagristija. Il-bennej kien, Gejtu Sciberras.


Il-Knisja għandha żewġ kampnari li fihom ġew installati ħames qniepen li kienu ġew manifatturati fil-fonderija ta’ John Taylor fl-Ingilterra għall-prezz ta’ €9,198 (Lm3949) fis-7 ta’ Lulju 1957. L-inizjattiva biex jinġabru ll-fondi għax-xiri tal-qniepen, kienet tal-Kappillan Pawlu Galea u ġew imbierka mill-Arċisqof Mon. Michael Gonzi. Fil-faċċata hemm żewġ statwi tall- ġebel, ta’ San Pietru u San Pawl, xogħol ta’ Marku Montebello li tlestew fl-1960.
Il-pittur Ganni Vella ħadem il-kwadru titulari flimkien ma’ żewġ kwadri laterali li jirrappreżentaw l-Assunzjoni, l-istess pittur pitter il-kwadri ta’ San Ġwann Battista de la Salle, dak ta’ Santa Tereza, San Mikiel, San Gużepp, San Ġorġ u San Pawl.

 

Titular Statue of Our Lady of Mount Carmel

L-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu

Titular Statue close-up

L-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu - close-up

Gzira Parish Church

Il-Knisja tal-Gżira minn ġewwa.

Wieħed mill kampnari tal-Knisja tal-Gżira

Parish Priest Office

L-uffiċċju tal-Paroċċa tal-Gżira

Holy Week

L-istatwa ta' Duluri

 Il-pittur Antonio Caruana ħadem fll-1932, il-kwadru ta’ Sant’ Antnin filwaqt li l-pittur Guido Gali’ ħadem dak tal-Qalb ta’ Ġesu.

Il-pittur Lazzru Pisani ħadem il-kwadri li jinsabu fil-kappelluni li jirrapreżentaw is-Sagra Familja u t-tfulija tal-Madonna.

F’dawn l-aħħar snin saru diversi xogħlijiet mill-pittur Briffa.

Fil-Knisja nsibu l-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu, ta’ San Ġużepp bil-Bambin Ġesu u tad-Duluri. Ħadd il-Għid, toħroġ l-istatwa ta’ Kristu rrxoxt. Fil-kappella tal-lemin, hemm Kurċifiss antik ħafna.

Il-Kappillan Rev Carmelo Tanti jista’ jiġi kkuntattjat fl-uffiċċju tiegħu fi Triq Manoel de Vilhena Gżira, Numru tat-telefon (356) 21 335841 – fax (356) 21 332419 – Website http://www.maltadiocese.org/il-gzira?l=1

Ħinijiet tal-Quddies – Mit-Tnejn sas-Sibt – 06.45 – 07.30 – 08.00 – 08.30 u fis-6.00 p.m. fix-Xitwa u fis-6.30 p.m. fis-Sajf. Fix-Xitwa, s-Sibt tiġi anke ċċelebrata quddiesa fil-5.00 p.m.

Il-Ħadd 07.00 – 08.00 – 09.30 – 11.00 a.m. u fis-6.00 p.m. fix-Xitwa, fis-6.30 p.m. fis-Sajf.
Il-festa titulari dedikata lill-Madonna tal-Karmnu, tiġi ċelebrata fit-tieni Ħadd ta’ Lulju

Kappella tar-Redentur (Kattolika Rumana)
Holy Week

 

Din il-Kappella dedikata lir-Redentur, tinsab fi Triq San Albert in-naħa t’isfel u nbniet għas-spejjeż tas-Sur Albert Grixti. Ix-xogħol beda taħt ill-Perit Arthur F. Galea iżda tkompla mit-tifel tas-Sur Grixti li kien igradwa Perit sakemm kienet qed tinbena din il-Kappella u tlestiet fl-1930.

Minħabba l-fatt, li ebda talba għall-bini tagħha ma kienet saret lill-Kurja ta’ l-Arċisqof, dan irrifjuta li jberika u għalhekk, fl-1939, ġiet mikrija lill-Gvern biex tintuża bħala maħżen għall-preparazzjoni għat-tieni gwerra mondjali.

 Wara t-tieni gwerra, l-Arċisqof aċċetta li jbierek din il-Kappella u ntlaħaq ftehim mal-Kurja Arċiveskovili li din titmexxa mis-Sorijiet Agostinjani li kienu joqgħodu f’dar mibnija mis-Sur Albert Grixti, ma’ ġenb il-Kappella.

Għalkemm is-Sorijiet Agostinjani m’għadhomx joqgħodu f’din id-dar, xorta waħda tiġi ċelebrata quddiesa kuljum fis-06.30 a.m. fix-Xitwa u fis-07.00 a.m. fis-Sajf. Il-Ħadd tkun fis-07.00 a.m. filwaqt li s-Sibt tiġi ċelebrata wkoll quddiesa fis-6.00 p.

Kappella tal-Kulleġġ ta’ Stella Maris (Kattolika Rumana)
L-iskola li s-Salesjani kienu fetħu ġo Villa Schinas fl-1904, ġiet trasferita fi skola ġdida li nbniet fl-1938. Għoxrin sena wara, l-Kappella tal-Kulleġġ infetħet għall-pubbliku u żwiġijiet jistgħu jiġu ċelebrati f’din il-Kappella.

Ħinijiet tal-Quddies – matul il-ġimgħa tiġi ċelebrata quddiesa fis-6.00 p.m. fix-Xitwa u fis-6.30 p.m. fis-Sajf filwaqt li s-Sibt issir fis-6.30 p.m. kemm fis-Sajf kif ukoll, fix-Xitwa.
Għaqdiet Reliġjużi Oħra:-
Bible Baptist Church
Fil-Ħdud isir servizz reliġjuż fl-10.15 a.m. u ieħor fis-6.30 p.m. minn Diċembru sa April u fis-7.00 p.m. minn Mejju sa Novembru.

Studju tal-Bibja u prayer meeting jinżamm nhar ta’ Ħamis fis-7.00 p.m.

Il-gwida spiritwali jista’ jiġi kkuntattjat fl-indirizz – Bible Baptist Church – Triq il-Madonna tal-Ġebla il-Gżira Malta – Numru telefon +356 21 322752 – 21340175 – e-mail bbcmalta@maltanet.net - www biblebaptistchurch-malta.org
Born Again Christians
Aħna grupp magħrufa bħala Born Again Christians. Magħmula minn nies mill-lokal u barranin.  Kulħadd huwa milqugħ.

L-Uffiċċju u kuntatt:- Pastor Vince u Antoinette Fenech 261 /11.St.Albert Apartments St. Albert Street il-Gzira, GZR1153 Malta EU Tel +35621337628 or +35679406765 Email vinceant@maltanet.net Website www.fullgospel.eu